Wara t-tibdil deċisiv li għamel il-Ministru Clint Camilleri fit-tmexxija tal-Gozo Channel fejn injetta tmexxija żagħżugħa sabiex tmexxi ’l quddiem it-tibdil u t-tiġdid f’din il-kumpanija tal-Gvern għas-snin li gejjin, jidher issa li l-Ministru xeħet ħarstu fuq id-WBRU.
Dan is-sit huwa infurmat li se jkun hemm tibdil sostanzjali fid-WBRU fejn it-tmexxija ta’ dan il-Unit hekk importanti għas-settur tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna se tmur f’idejn persuna b’esperjenza twila fiċ-ċivil u li jifhem sew fis-settur. Dan filwaqt li l-Head tad-WBRU preżenti ser jirrilaxxa t-tmexxija tad-WBRU u jkun iffukat aktar fuq l-aspett xjentifiku u tar-riċerka.
Dan it-tibdil qiegħed jinftiehem bħala parti mit-tiġdid fi ħdan il-Gvern u aktar minn hekk fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Jidher ċar li wara r-riżultat elettorali fejn il-Ministru Clint Camilleri reġa’ ġie ikkonfermat b’aktar minn 6,000 vot xeħet ħarstu fuq ir-riġenerazzjoni tal-entitajiet, l-awtoritajiet u l-kumpaniji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Jidher ċar ukoll li l-Ministru Clint Camilleri qiegħed jafda t-tmexxija ta’ dawn lil persuni kompetenti u żgħażagħ li għandhom il-ħeġġa li jaħdmu sabiex il-Gvern ikompli jiġġedded waqt li qiegħed fil-Gvern.
Sorsi fi ħdan il-Gvern infurmawna wkoll li aktar tiġdid misenni f’aktar awtoritajiet u kumpaniji fejn l-għażla prinċipali qiegħda tkun mistrieħa fuq il-bżulija, l-enerġija u l-miri li jiġu ssettjati mill-Ministeru jridu jintlaħqu.
Id-WBRU se jkollha targets speċifiċi bħalma huma r-riforma fil-liġijiet li jamministraw is-settur, simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tisħiħ fil-programmi ta’ riċerka.

