Meta twaqqfet il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), il-wegħda kienet waħda ċara: jinħoloq “one-stop shop” bl-għan ewlieni jkun li jnaqqas il-burokrazija, iħaffef il-proċessi u jagħti servizz effiċjenti kemm lid-dilettanti kif ukoll lill-pubbliku.
Taħt it-tmexxija preċedenti, dik il-wegħda kienet sfaxxat.
Minflok struttura moderna u dinamika, il-WBRU spiċċat magħrufa għal proċessi mwaħħlin, deċiżjonijiet li jdumu ħafna biex jittieħdu, u trasferimenti ta’ fajls bejn il-WBRU u l-ERA li jimxu b’pass li ma jagħmilx ġustizzja la mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini u lanqas mal-obbligi tal-Istat.
Fajls Staġnati
L-aktar sintomu ċar tal-falliment Amministrattiv huwa l-mod kif ċerti fajls jibqgħu jduru minn uffiċċju għall-ieħor mingħajr ma tittieħed deċiżjoni.
Dokumenti relatati ma’ liċenzji, notifiki, speċi protetti, kampjuni ta’ għasafar ibbalzmati u proċeduri oħra jispiċċaw mwaħħlin bejn il-WBRU u l-ERA. Dak li għandu jieħu ftit jiem jispiċċa jdum ġimgħat jew xhur.

Din mhix Amministrazzjoni. Din hija paralisi.
Ironikament, il-piż kollu jaqa’ fuq iċ-ċittadin, li jkun qed jistenna risposta filwaqt li żewġ entitajiet pubbliċi jitfgħu r-responsabbiltà minn fuq waħda għall-oħra.
“One-Stop Shop” Li Spiċċa “Two-Stop Problem”
Il-WBRU kienet maħsuba biex tnaqqas il-burokrazija amministrattiva. Minflok, ħafna proċessi llum jeħtieġu l-involviment kontinwu tal-ERA, u b’hekk il-“one-stop shop” inbidel f’sistema fejn il-fajls jitilfu l-momentum tagħhom.
Din hija kontradizzjoni sħiħa tal-filosofija li fuqha nħolqot il-WBRU.
Jekk entità ma tistax tieħu deċiżjonijiet fi żmien raġonevoli u tibqa’ tiddependi fuq trasferimenti interminabbli ta’ dokumentazzjoni, allura hemm problema strutturali li trid tiġi indirizzata minnufih.
Il-Prezz Tal-Ineffiċjenza
Il-burokrazija qatt ma tkun newtrali. Kull dewmien ifisser aktar spejjeż amministrattivi, aktar frustrazzjoni, aktar nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u aktar inċertezza għal dawk li jippruvaw jimxu mar-regoli.
F’pajjiż li jiddikjara li qed jiddiġitalizza s-servizzi tiegħu, huwa inaċċettabbli li trasferiment ta’ fajl bejn żewġ entitajiet tal-istess Stat għadu jista’ jieħu ġimgħat jew xhur.
L-Amministrazzjoni Pubblika ma tistax tibqa’ taħdem bħallikieku għadha fis-seklu li għoxrin.
Il-problema ilha magħrufa.
Il-frustrazzjoni ilha takkumula.
Il-kritika ilha ssir.
Dak li naqas kien ir-rieda li tinbidel is-sistema.
Għaliex fajls bejn il-WBRU u l-ERA għadhom jeħlu?
Min hu responsabbli?
Għaliex ma jeżistux skadenzi ċari?
Għaliex m’hemmx sistema diġitali integrata li telimina dan id-dewmien?
Meta problema tkun magħrufa u tibqa’ ma tissolviex, ma tibqax problema teknika. Issir problema ta’ tmexxija.
Il-Ħin tal-Iskużi Għadda
Il-WBRU għandha quddiemha għażla waħda biss. Jew issir entità moderna, effiċjenti u ffukata fuq is-servizz, jew tibqa’ mfakkra bħala l-unità fejn il-fajls jidħlu malajr iżda joħorġu meta jkun tard wisq.
L-ambjent, id-dilettanti, il-konservazzjoni u ċ-ċittadini kollha jistħoqqilhom ħafna aħjar minn sistema li tidher aktar interessata fil-burokrazija milli fis-soluzzjonijiet.
Ir-riforma m’għadhiex kwistjoni ta’ għażla. Saret kwistjoni ta’ kredibbiltà.

Sadanittant, il-Ministeru għal Għawdex ħabbar il-ħatra ta’ Kevin Francica bħala l-Kap il-ġdid tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU). Is-Sur Francica għandu aktar minn 36 sena esperjenza fis-servizz pubbliku u għarfien vast fis-settur tal-kaċċa u l-insib.
Dan is-sit jawgura lil Kevin Francica kull suċċess fil-kariga l-ġdida tiegħu.

