Il-Gidba tal-‘One-Stop Shop’ : Kif il-WBRU Tradiet il-Missjoni Tagħha

Neville Gafa

~ 19 minutes ago

Il-Gidba tal-‘One-Stop Shop’ : Kif il-WBRU Tradiet il-Missjoni Tagħha

Il-WBRU twaqqfet biex tkun “one-stop shop” għall-amministrazzjoni tal-kaċċa u l-insib f’Malta. Din kienet il-wegħda. Iżda r-realtà turi mod ieħor. Realtà differenti li qed twassal għal frustrazzjoni ta’ kull min ikollu  x jaqsam ma’ din l-entità.

 

Illum il-WBRU m’għadhiex sinonima mal-effiċjenza. Saret sinonima mal-burokrazija, dewmien, nuqqas ta’ koordinazzjoni u falliment amministrattiv.

 

Dak li suppost kellu jkun proċess ċentralizzat spiċċa mibdul f’ping-pong burokratiku bla tmiem mal-ERA, fejn il-fajls iduru minn dipartiment għall-ieħor filwaqt li ċ-ċittadin jibqa’ jistenna.

 

 

 

Il-Mandat Ġie Abbandunat

 

Il-WBRU ngħatat mandat ċar: tirregola, tikkoordina u tissimplifika.

 

Illum tagħmel l-oppost.

 

Minflok issolvi l-problemi, toħloq oħrajn. Minflok tnaqqas il-burokrazija, iżżidha. Minflok tieħu deċiżjonijiet, tibgħat il-fajls għand ħaddieħor.

 

Dan mhux falliment żgħir.

 

Dan huwa falliment istituzzjonali.

 

Kif Inqerdet il-Kompetenza

 

Wieħed mill-aktar eżempji allarmanti huwa l-identifikazzjoni tal-għasafar.

 

Fil-passat kien hemm ornitologu professjonali li kien kapaċi jidentifika l-ispeċi immedjatament iżda b’kompetenza.

 

Illum dik il-kompetenza prattikament sparixxiet. Konsegwentement, jekk ikun hemm dubju dwar l-identifikazzjoni ta’ għasfur, il-proċess jieqaf. Il-kampjun ma jiġix ittaggjat jew jintbagħat il-mużew, b’dewmien li jista’ faċilment jiġi evitat.

 

Kif jista’ regolatur nazzjonali jitlef il-kompetenza teknika ewlenija tiegħu u jistenna li jibqa’ kredibbli?

 

 

Tlieta u Għoxrin Sena ta’ Falliment

 

Dan il-proċess ilu jeżisti għal 23 sena.

 

Tlieta u għoxrin sena mingħajr riforma.

 

Tlieta u għoxrin sena mingħajr modernizzazzjoni.

 

Tlieta u għoxrin sena ta’ amministrazzjoni mwaħħla fl-istess post.

 

Jekk wara aktar minn żewġ deċennji l-istess problemi għadhom jeżistu, allura m’għadux każ ta’ dewmien, iżda falliment kroniku fit-tmexxija.

 

 

Il-Gidba tal-“One-Stop Shop”

 

L-akbar ironija hija li llum il-proċess tal- ittaggjar  lanqas biss jinsab kollu għand il-WBRU. Partijiet sostanzjali tiegħu spiċċaw għand l-ERA.

 

Għaldaqstant wieħed jistaqsi;

 

Kif tista’ ssejjaħ lilek innifsek “one-stop shop” meta ċ-ċittadin irid jgħaddi minn żewġ awtoritajiet differenti biex itemm l-istess proċess?

 

Dan mhux “one-stop shop”.

 

Dan huwa two-stop bureaucracy.

 

Din hija struttura amministrattiva li tilfet kull sens ta’ direzzjoni.

 

 

Il-Ping-Pong tal-Fajls

 

Il-fajls jimxu.

 

L-applikazzjonijiet jimxu.

 

Id-dokumenti jimxu.

 

Kollox jimxi, għajr il-proċess.

 

Il-WBRU tibgħat lill-ERA.

 

L-ERA terġa’ tirreferi lura lill-WBRU.

 

Sadanittant jgħaddu ġimgħat jekk mhux xhur, filwaqt li dawk milquta jibqgħu bla risposta.

 

Din mhix koordinazzjoni, iżda amministrazzjoni falluta li qed tipprova taħbi l-ineffiċjenza tagħha wara l-kelma “koordinazzjoni”.

 

Min Qed Iħallas il-Prezz?

 

Il-prezz mhux qed iħallsuh l-uffiċjali.

 

Qed iħallsuh il-kaċċaturi.

 

Qed iħallsuh in-nassaba.

 

Qed iħallsuh dawk kollha li jimxu mal-liġi.

 

Qed tħallsu wkoll il-konservazzjoni u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

 

Meta regolatur ma jkunx kapaċi jirregola b’effiċjenza, il-problema ma tibqax amministrattiva.

 

Issir problema ta’ governanza.

 

Il-WBRU trid tieqaf tinħeba wara skużi amministrattivi. Jew tkun one-stop shop kif kien imwiegħed , jew tammetti pubblikament li falliet.

 

Irid jerġa’ jinbena tim b’kompetenza ornitoloġika.

 

Iridu jispiċċaw it-trasferimenti bla sens bejn il-WBRU u l-ERA.

 

Iridu jiġu introdotti skadenzi obbligatorji għall-ipproċessar tal-każijiet.

 

U fuq kollox, irid ikun hemm responsabbiltà amministrattiva għal sistema li ilha tfalli għal aktar minn żewġ deċennji.

 

Il-problema m’għadhiex in-nuqqas ta’ riżorsi, iżda nuqqas ta’ tmexxija, nuqqas ta’ viżjoni u nuqqas ta’ rieda li tinbidel sistema li ilha snin tfalli.

 

Żmien il-wegħdi skada.Issa wasal iż-żmien tar-riżultati.

 

Kevin Francica

 

Sadanittant, dan is-sit jawgura lil Kevin Francica kull suċċess fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala l-Kap il-ġdid tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU).

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *