Aħna tal-Labour nirringrazzjaw minn qalbna lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għall-għażla li għamlu meta f’Settembru li għadda eleġġew lil Alex Borg bħala Kap.
Adrian Delia kien qrib jumiljah. Iżda Robert Abela umiljah.

Alex Borg
Alex Borg jgħazaq aktar milli jieħu nifs. Mela s-Sibt filgħodu, Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega għaliex il-PN għażel li ma jikkummentax dwar il-ġuri ta’ Yorgen Fenech sabiex ma jippreġudikax jew ma jinterferixxix fil-proċedimenti quddiem il-Qorti.
Ma l-ewwel ħsieb, din tista’ tidher bħala pożizzjoni responsabbli. Iżda mbagħad, meta wieħed jibda jaħseb, jintebaħ bir-realtà tal-fatti.
Sur Alex Borg,
Jekk il-ġurati huma sekwestrati, iżolati mit-televiżjoni, il-gazzetti, ir-radju, l-internet u l-midja soċjali, kif qatt jista’ xi kumment politiku jasal għandhom?
B’liema mekkaniżmu?
Kif, eżattament, seta’ jinfluwenza l-ġudizzju tagħhom?
Għidilna Alex Borg!
Dak huwa, wara kollox, l-iskop fundamentali tas-sekwestrazzjoni ta’ ġurija: li tipproteġiha minn kull influwenza esterna waqt il-proċess. Jekk Is- sistema taħdem kif suppost, u m’għandix dubju minn dan, il-ġurati mhux se jkunu jafu x’qed jgħid Alex Borg, Robert Abela jew kwalunkwe figura politika oħra barra mill-awla tal-qorti.
Allura minn min, eżattament, beża’ li jinfluwenza Alex Borg?
Mexxej politiku, speċjalment wieħed li jaspira li jmexxi pajjiż, ikun ġustament mistenni minnu li jkun jifhem il-prinċipji bażiċi tas-sistema tal-ġustizzja li jgħid li jirrispetta.
Għal ġieħna avukat dan.
Ġurija sekwestrata ma tistax tiġi influwenzata minn dikjarazzjonijiet li qatt ma tasal biex tisma’.
Mexxej b’esperjenza jantiċipa l-mistoqsijiet qabel ma jitkellem.
Iqis il-konsegwenzi għal dak li jkun se jgħid.
Jifhem id-distinzjoni bejn rispett istituzzjonali lejn il-Qorti, kawtela politika u l-funzjoni tas-sistema ġudizzjarja. U meta jagħti spjegazzjoni, jagħmilha b’tali mod li tkun konsistenti mal-fatti.
Minflok, Alex Borg ippreżenta argument li jidher inkompatibbli mal-istess mekkaniżmu li qal li ried jipproteġi.
Ħawwadni ħa nifhem‼️

It-tmexxija mhix biss dwar meta tagħżel li titkellem. Hija wkoll dwar jekk dak li tgħid jistax jgħaddi milll-eżami tar-raġuni. Meta spjegazzjoni tinbena fuq premessa li ma tkunx sostenibbli, inevitabbilment tiftaħ aktar mistoqsijiet milli tagħlaq.
F’demokrazija matura, il-pubbliku mhux biss għandu d-dritt li jisma’ spjegazzjonijiet. Għandu wkoll id-dritt li jeżaminahom, jippruvahom u jinduna meta ma jkunux konsistenti mal-fatti.
Jekk it-tħassib reali ta’ Alex Borg kien xi ħaġa oħra, kellu jgħidha. Kieku kien qed jitkellem dwar rispett istituzzjonali lejn il-Qorti, seta’ spjegah b’mod ċar. Kieku kienet sempliċiment deċiżjoni ta’ strateġija politika, l-onestà kienet tkun ħafna aktar kredibbli minn argument li ma jgħaddix mill-prova tal-loġika.

Mexxej li ma jagħrafx id-distinzjoni bejn ġurija kompletament iżolata u d-dibattitu pubbliku għadu l-bogħod milli jilħaq ċertu livell ta’ preċiżjoni intellettwali li l-kariga tiegħu titlob.

