Allokati €3 miljun biex jappoġġjaw proġetti awdjoviżivi ​

Neville Gafa

~ 1 hour ago

Allokati €3 miljun biex jappoġġjaw proġetti awdjoviżivi ​

Wieħed u tletin proġett awdjoviżiv se jirċievu total ta’ €2,883,916 permezz tal-Iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen hekk kif ġew imħabbra r-riżultati għall-Fergħat 1 sa 5. Il-proġetti magħżula jinkludu sitt proġetti ta’ kitba għall-iskrin, 12-il proġett fl-istadju tal-iżvilupp, erba’ films qosra, sitt produzzjonijiet twal u tliet programmi kulturali. Permezz ta’ dawn il-proġetti, qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra.

 

Il-proġetti magħżula jkopru xogħlijiet fittizji, dokumentarji, animazzjoni u programmi kulturali. Dawn jinkludu skripts ġodda, riċerka, proġetti li qed jitħejjew għall-iżvilupp u għall-preżentazzjoni lill-industrija, films qosra li deħlin fil-produzzjoni, xogħlijiet twal u programmi kulturali maħsuba għal stazzjonijiet privati tat-televiżjoni. B’mod kollettiv, dawn ir-riżultati jappoġġjaw ix-xogħol għall-iskrin fi stadji differenti, mill-ewwel żvilupp tal-kunċett sal-produzzjoni u t-tħejjija biex ix-xogħol jilħaq udjenzi usa’.

 

 

L-ewwel fergħa toffri appoġġ għall-kitba ta’ skripts u r-riċerka marbuta ma’ produzzjonijiet awdjoviżivi kulturali u kreattivi f’Malta. Ir-riżultati ppubblikati jallokaw €145,288 lil sitt proġetti. It-tieni fergħa tappoġġja l-proċess usa’ ta’ żvilupp, bi 12-il proġett li se jirċievu total ta’ €538,628 taħt din il-fergħa.

 

It-tielet fergħa tipprovdi appoġġ għall-produzzjoni ta’ films fittizji qosra, dokumentarji u animazzjoni. Erba’ proġetti ngħataw total ta’ €140,000. Ir-raba’ fergħa tappoġġja l-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi twal fl-istess format. Sitt proġetti rċevew total ta’ €2 miljun, b’għotjiet individwali li jvarjaw minn €103,000 sa €450,000.

 

Il-ħames fergħa tappoġġja programmi kulturali oriġinali għal stazzjonijiet privati tax-xandir, b’enfasi fuq xogħlijiet awdjoviżivi li jeħtieġu investiment u li jista’ jkollhom aċċess limitat għal finanzjament privat. Tliet proġetti rċevew €20,000 kull wieħed, biex it-total mogħti taħt din il-fergħa tela’ għal €60,000.

 

 

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea qal li l-Viżjoni Malta 2050 tidentifika l-investiment fit-tul fil-film bħala parti mid-direzzjoni nazzjonali ta’ gżiritna. “Permezz ta’ investimenti bħall-Iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen qed inwettqu din l-istrateġija b’mod konkret li joffri benefiċċju dirett għal dawk l-artisti u l-proġetti li qed jipproduċu xogħol ta’ kwalità għolja. Qed ninvestu fl-iżvilupp tat-talent, u fil-kapaċità tal-produzzjoni mill-ewwel stadji tal-kitba sa max-xogħol ikun komplut u lest biex jiġi ppreżentat f’suq internazzjonali”, saħaq il-Ministru Agius Galea.

 

Huwa kompla jgħid li din l-inizjattiva qed twettaq wegħda elettorali u qed tipprovdi għajnuna diretta lill-produtturi tal-films lokali, permezz ta’ assistenza speċifika mfassla b’konsultazzjoni mal-artisti nfushom.

 

Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea qal li l-Iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen se tibqa’ titnieda kull sena sabiex tagħti aktar serħan il-moħħ u stabbiltà lill-produtturi tal-films. “Il-fondi allokati għaliha se jkomplu jiżdiedu, filwaqt li l-iskema se tibqa’ tiġi aġġornata skont il-ħtiġijiet emerġenti tas-settur,” temm jgħid il-Ministru Agius Galea.

 

 

Dr Luke Dalli, Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal “Jekk irridu industrija awdjoviżiva b’saħħitha, irridu ninvestu fil-proċess kollu tal-ħolqien tagħha, mill-kitba u r-riċerka, sal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni. Din l-iskema hija mibnija fuq il-konvinzjoni li l-kreattività hija proċess sħiħ u li rridu nakkumpanjaw lill-kreattivi tagħna f’kull stadju importanti tal-vjaġġ tagħhom.”

 

 

Rita Falzon, Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet, “L-iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen tifforma parti mill-istrateġija kontinwa tal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex jissaħħaħ is-settur tal-films f’Malta. L-istruttura tal-iskema ġiet maħsuba sabiex tipprovdi appoġġ fuq kull livell, mill-kitba għall-iżvilupp u l-produzzjoni, filwaqt li tħeġġeġ ukoll ippjanar professjonali u preżentazzjoni aktar b’saħħitha lill-imsieħba u l-kollaboraturi internazzjonali. L-iskema tagħti lill-artisti u lill-entitajiet awdjoviżivi indipendenti aċċess għal finanzjament fl-istadju li fih ikun l-aktar rilevanti għax-xogħol li jkunu qed iwettqu.”

 

Is-sitt fergħa ta’ din l-iskema ser tibqa’ miftuħa għall-applikazzjonijiet sat-18 ta’ Novembru 2026 f’nofsinhar, jew sa meta jiġi żborżat il-fond. Din il-fergħa tappoġġja l-promozzjoni internazzjonali ta’ produzzjonijiet ta’ fittizju, dokumentarji u animazzjoni li jkunu tlestew mhux aktar minn 18-il xahar qabel is-sottomissjoni, jew li jkunu waslu fi stadju avvanzat ta’ żvilupp. L-appoġġ jista’ jkopri d-distribuzzjoni diretta, il-ħidma ma’ aġenti tal-bejgħ jew distributuri, il-parteċipazzjoni f’festivals u swieq magħżula u s-sottomissjoni ta’ xogħlijiet għal festivals internazzjonali rikonoxxuti.

 

Ir-riżultati sħaħ għall-ħames fergħat huma disponibbli fuq www.artscouncil.mt .

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *