Meta Jasal il-Mument, Nitkellem

Neville Gafa

~ 1 day ago

Meta Jasal il-Mument, Nitkellem

Hemm mumenti fil-ħajja politika meta l-eżerċizzju tal-poter jikxef il-karattru veru tiegħu.

 

Mhux waqt ir-rutina komda tal-amministrazzjoni, iżda fil-mument meta kriżi titlob deċiżjoni, veloċità u responsabbiltà.

 

Meta tasal kriżi serja, il-Mexxej jiġi ġġudikat mhux mill-kliem iżda mill-kapaċità tiegħu li jaġixxi.

 

Mexxej li jħaddem bis-sħiħ l-istrumenti leġittimi tal-Istat, li jinsisti fuq riżultati, u li jmexxi l-Istituzzjonijiet lejn riżoluzzjoni b’urġenza straordinarja, ikun qed jeżerċita waħda mill-aktar funzjonijiet essenzjali tal-poter: li ma jħallix id-diżordni tiddetta l-kors tal-avvenimenti.

 

Il-konvinzjoni li, meta ċ-ċirkostanzi jitolbuha, il-makkinarju tal-Istat għandu jkun kapaċi jimxi b’determinazzjoni lejn il-verità u l-ġustizzja.

 

Hekk aġixxa l- eks Prim Ministru Dr. Joseph Muscat wara l-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

 

Sfortunatament, il-politika tgħallimna illi l-istess intensità li f’mument ta’ kriżi tiġi mfaħħra bħala determinazzjoni, snin wara, tiġi interpretata bħala waħda suspettuża.

 

Ġaladarba jgħaddi ftit taż-żmien, tibda l-battalja fuq il-memorja.

 

Ir-reqqa ssir “eċċess”.

 

Il-veloċità ssir “suspettuża”.

 

Id-determinazzjoni ssir “pressjoni”.

 

U dak li fil-mument kien meqjus bħala prova ta’ serjetà jiġi “spinnjat” bħala raġuni għad-dubju.

 

Hawnhekk tibda l-gwerra mill-Establishment.

 

Tinbeda kampanja organizzata bil-għan li tkisser ir-reputazzjoni tal-vittma tagħhom.

 

Hekk għamlu lil Joseph Muscat eżattament wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

 

Partijiet mill-midja li huma kkontrollati mill-Establishment jinbidlu f’munizzjon sabiex dawn jilħqu l-miri tagħhom.

 

Gwerra psikoloġika billi: tiżola lill-persuna; tirrepeti l-istess mistoqsijiet anke meta ma jkunx hemm evidenza ġdida; toħloq atmosfera ta’ suspett.

 

Żommu f’moħħkom fattur importanti.

 

Fi gwerra tar-reputazzjoni, ma hemmx għalfejn tissostanzja l-akkuża. Din it-tip ta’ gwerra tilħaq l-skopijiet tagħha meta tagħmilha impossibbli li l-akkuża (mingħajr ebda prova) kontra l-individwu tmut.

 

Erġgħu aqrawha u ifhmu sew.

 

Il-mira tal-Establishment ma tkunx biss li tagħmel ħsara fuq livell politiku, iżda li titfa’ psikoloġikament lill-individwu taħt assedju.

 

Kampanja li teżawrixxi, tiżola u, fl-aħħar mill-aħħar, iġġiegħel lill-individwu jibda jiddubita mhux biss minn kif jarah ħaddieħor, iżda mill-ġudizzju tiegħu stess.

 

Din hija l-arkitettura tal-gwerra tar-reputazzjoni li l-Establishment għażel li juża kontra Joseph Muscat; mhux illum, iżda mill-għada tar-riżultat elettorali tal-2013. Gwerra li matulha mhux jagħtuh daqqa waħda, iżda elf daqqiet żgħar; mhux akkuża waħda, iżda atmosfera li qatt ma titħalla tmajna u tispiċċa.

 

Din hija Kampanja maħsuba sabiex iddgħajjef lil min ikun ħa azzjoni. Ġlieda kontra l-azzjoni permezz ta’ narrattiva.

 

Kif għamlu lil Joseph Muscat wara li l-azzjoni li ħa waslet biex il-każ jissolva fi żmien rekord.

 

Min ikun ħa d-deċiżjoni politika għandu jibqa’ jiddefendiha. Hekk se jibqa’ jagħmel Joseph Muscat.

 

Min jibni n-narrattiva kontrih, min-naħa l-oħra, xogħolhom huwa biss li jżommu ħaj in-narrattiva li “hemm xi ħaġa ħażina”.

 

Il-gwerra li l-Establishment ħejjew kontra JM fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hija waħda ta’ reverse psychology;

 

Il-passi neċessarji meħuda minn Dr. Muscat sabiex jissolva l-każ u li wasslu għall-ordni, tiġi ppreżentata bħala s-sors tad-diżordni; id-determinazzjoni tiegħu li fittxet tweġibiet tiġi trasformata f’ostaklu għall-verità; u l-veloċità li kienet meħtieġa f’dak il-mument tinbidel fi prova kontra min aġixxa.

 

Bil-mod il-mod, il-kriżi oriġinali titwarrab mill-memorja kollettiva. Minflokha tidħol narrativa: mhux aktar “x’ġara?” iżda “għaliex aġixxa daqshekk malajr?”

 

Il-pubbliku jiġi mġiegħel mingħajr ma jintebaħ sabiex jinsa ċ-ċirkostanzi li kienu jitolbu l-urġenza u minflok jikkontempla biss “id-dellijiet” li jingħad li dik l-urġenza ħolqot.

 

Din hija l-arkitettura tal-gwerra tar-reputazzjoni li l-Establishment għażel li juża kontra Joseph Muscat. Bdewha fl-2013 u għadhom għaddejjin biha sal-lum.

 

Innutaw l-eskalazzjoni hekk kif beda l-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

 

Madankollu, sinjuri, żommu f’moħħkom illi kull narrattiva mibnija fuq l-ambigwità għandha dgħufija waħda iżda kruċjali: li tiddependi fuq il-fatt li l-istampa sħiħa ma tiġix eżaminata.

 

Erġgħu aqrawha…

 

Il-pjan tal-Establishment jesiġi;

 

Li ċerti mistoqsijiet jibqgħu mistoqsia għal dejjem.

 

Li ċerti kontradizzjonijiet ma jiġux iċċarati.

 

Li ċertu silenzju jibqa’ bla spjegazzjoni.

 

U l-aktar ħaġa importanti għalihom huwa li l-pubbliku qatt ma jieqaf u jħares lejn l-istorja kollha.

 

Iżda ż-żmien għandu mod partikolari kif ibiddel il-perspettiva.

 

Fatti li darba dehru iżolati jibdew jingħaqdu.

 

Kontradizzjonijiet li darba setgħu jiġu injorati jibdew jiffurmaw stampa ċara. U dak li ġie ikkritikat mill-Establishment bħala sensiela spontanja ta’ reazzjonijiet, jibda jidher bħala xi ħaġa aktar strutturata.

 

Għalhekk il-verità mhux dejjem tasal bħala SPLUŻJONI.

 

Xi drabi tasal bħala RIKOSTRUZZJONI.

 

Biċċa biċċa.

 

Kontradizzjoni wara l-oħra.

 

Saff wara saff.

 

Il-verità hija rkupru gradwali tal-proporzjon. Ma taħdimx skont l-iskeda ta’ dawk li jippruvaw ifasslu l-memorja pubblika kif jaqbel lilhom. Ma hemmx ħtieġa li tgħajjat biex teżisti.

 

Tista’ tistenna.

 

U jien ukoll nista’ nistenna.

 

Għax hemm żmien għas-skiet, żmien għall-osservazzjoni, u żmien meta l-biċċiet kollha jkunu biżżejjed biex jiffurmaw stampa li ma tistax tibqa’ tiġi injorata.

 

Jien kont, għadni u nibqa’ warajh.

 

U meta jasal dak il-mument, jien se nitkellem.

 

U dak il-mument qed joqrob.

 

 

VERITAS ET AEQUITAS

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *