Hemm bżonn ta’ riforma komprensiva, serja u strutturata tas-sistema kollha, minn fuq s’isfel, sabiex jiġu indirizzati darba għal dejjem dawk l-abbużi, l-oxxenitajiet u l-viljakkeriji li, sfortunatament, għadhom realtà sal-lum.
Din ir-riforma ma tistax issir permezz ta’ interventi frammentati, miżuri iżolati jew soluzzjonijiet temporanji, iżda għandha tkun waħda olistika, koerenti u maħsuba fit-tul, li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi u l-aspettattivi tas-soċjetà tal-lum, mingħajr burokrazija żejda, ostakoli artifiċjali jew tfixkil sistematiku.
Din is-sena ttieħed pass importanti bil-ħatra tal-ewwel Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, l-Imħallef Emeritu Toni Abela. Minkejja l-oppożizzjoni u l-kritika li tqajmu minn diversi setturi fiż-żmien tal-ħatra tiegħu, il-mod kif wettaq il-funzjonijiet tiegħu wera indipendenza, imparzjalità u sens qawwi ta’ responsabbiltà istituzzjonali.
Huwa qeda l-inkarigu tiegħu mingħajr biża’ jew favur, u mingħajr ma ħares lejn wiċċ ħadd. Id-deċiżjonijiet tiegħu kienu, f’diversi każijiet, metikolużi, studjati u motivati b’mod dettaljat, tant li jistgħu jservu wkoll bħala punt ta’ riferiment u gwida għal min għandu interess il-gustizzja.
Matul din is-sena, il-Gvern ippropona wkoll numru ta’ riformi kostituzzjonali li jolqtu direttament il-Ġudikatura u l-mekkaniżmi ta’ skrutinju fuqha. Hemm bżonn ċar li l-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura jingħata setgħat u għodod aktar b’saħħithom u effettivi, sabiex ikun jista’ jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod sħiħ, indipendenti u mingħajr xkiel, u sabiex ikun jista’ jasal sal-qalba tal-kankru li jiġu quddiemu.
Madankollu, dawn il-proposti ma kisbux il-maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati meħtieġa sabiex jiġu approvati.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa essenzjali li ż-żewġ naħat tal-Kamra jerġgħu jidħlu immedjatament f’diskussjonijiet serji, responsabbli u kostruttivi sabiex jintlaħaq qbil fl-iqsar żmien possibbli. Dan għandu jsir anke issa, minkejja li l-Parlament jinsab magħluq għall-waqfa tas-sajf, sabiex ikun jista’ jintlaħaq test maqbul u dan jitressaq quddiem il-Parlament mingħajr dewmien hekk kif jerġa’ jibda jiltaqa’.
Din mhijiex kwistjoni li għandha titħalla tintilef f’kontroversji partiġġjani, interessi politiċi jew kalkoli elettorali. Quddiem il-ħtieġa li tissaħħaħ il-fiduċja fil-Ġudikatura u fil-mekkaniżmi ta’ kontabilità tagħha, l-interess nazzjonali għandu jiġi qabel kull interess ieħor.
Kull ġurnata ta’ dewmien tfisser li qiegħda tkompli sitwazzjoni fejn il-mekkaniżmi ta’ kontabilità, skrutinju u dixxiplina fil-konfront tal-Ġudikatura jibqgħu nieqsa mill-għodod kollha meħtieġa sabiex joperaw bl-ogħla livell ta’ effettività, indipendenza u kredibbiltà.
F’dan is-sens, kull ġurnata li tgħaddi mingħajr soluzzjoni hija ġurnata oħra ta’ inġustizzja fil-konfront tal-interess pubbliku, tas-saltna tad-dritt u tal-fiduċja li ċ-ċittadin għandu jkollu fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

