Wieħed għandu jirrispetta l-kors tal-ġustizzja filwaqt li kulħadd huwa fil-liberta’ li jaqbel jew le mal-verdett. Din hija r-Rule of Law.
Sa’ mill-bidunett u minn meta kont għadni Prim Ministru, intwera b’mod ċar li lil hinn minn kwalunkwe idea li seta kellhom xi wħud, ħadd ma kien protett jew immuni għall-ġustizzja.
L-investigaturi u prosekuturi ħadmu b’mod seren u ingħataw l-għodda kollha li talbu, inkluż ix-xhieda ta’ persuna li ngħatat Maħfra Presidenzjali fuq rakkomandazzjoni bil-miktub tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali flimkien.
Filwaqt li ftit huma l-affarijiet li dwarhom qbilna matul is-snin, ninnota b’ sodisfazzjoni li l-familjari tal-vittma rringrazzjaw lill-investigaturi u lill-prosekuzzjoni, u għadhom jappoġġjaw il-linja li ttieħdet.
Dan kuntrarju għal min minflok juri l-maturita’ li jitlob dan il-mument tant definittiv fl-istorja ta’ nazzjon, għazel il-pożi u l-paroli li jogħġbu lil tuzzana nies iżda li jmorru għal kollox kontra l-famuża Rule of Law.
Biex inkun ċar. Jekk hemm lok għal aktar investigazzjonijiet, kif indikaw li qed isiru l-prosekuturi, dawn isiru bla ebda riżerva jew tnikkir.
Irrid infakkar ukoll li dejjem għidt li l-Inkjesta Pubblika li sejjaħt jien stess kellha l-aħjar issir wara l-ġuri biex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti kollha li jirriżultaw u ma jaffettwawx l-każ. Bil-pressjoni kollha li saret, ġejt konvint li ssir mill-ewwel għaliex inkella setgħet tingħata impressjoni li hemm intenzjoni li ma ssirx. Illum aktar minn qatt qabel nemmen li kien ikun aktar għaqli li l-Inkjesta Pubblika ssir issa, biex tara dak kollu li ħareġ aktar milli tagħmel assunzjonijiet li wħud minnhom issa jistgħu jiġu interpretati li jmorru kontra l-verdett tal-ġuri.
Huwa fi ħsiebi li fil-jiem li ġejjin nitkellem u nneħħi ż-żrar li għandi fiż-żarbun u li ilni nissaporti għal dawn l-aħħar 6 snin b’rispett lejn l-istituzzjonijiet. Se nagħmel dan filwaqt li nilqa l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

