MA TISTAX TIPPRIEDKA L-INKLUŻJONI WAQT LI TIPPRATTIKA L-ESKLUŻJONI

Neville Gafa

~ 1 day ago

MA TISTAX TIPPRIEDKA L-INKLUŻJONI WAQT LI TIPPRATTIKA L-ESKLUŻJONI

Min wieġeb għall-kurċifiss b’insulti u b’redikolu lejn il-voti reliġjużi, espona ħafna aktar dwaru milli dwar il-qassisin.

 

Qed nirreferi għall-Valletta Pride tal-bieraħ fil-Belt Valletta.

 

Mijiet ta’ persuni pparteċipaw fil-marċ. Dak huwa d-dritt tagħhom u għandu jiġi rispettat.

 

Drittijiet ċivili li l-Partit Laburista kien pijunier tagħhom.

 

Iżda dritt għal manifestazzjoni ma jfissirx monopolju fuq l-ispazju pubbliku, u wisq inqas dritt ta’ veto fuq simboli reliġjużi li ma jogħġbukx.

 

 

Meta l-kleru joħroġ b’salib fuq iz-zuntier tal-knisja, kif ilu jagħmel għal ġenerazzjonijiet sħaħ, f’pajjiż ħieles tista’ ma taqbilx u tkompli miexi.

 

Iżda meta jsir disprezz lejn il-fidi, iċ-ċelibat u d-dinjità personali ta’ min qed iġorr dak is-simbolu reliġjuż, il-linja bejn kritika u intolleranza tkun inqabżet.

 

MA TISTAX TIPPRIEDKA L-INKLUŻJONI WAQT LI TIPPRATTIKA L-ESKLUŻJONI.

 

X’kontradizzjoni dik minn naħa ta’ dawk li l-ewwel jippridkaw id-“diversità” bħala prinċipju assolut, imbagħad jirreaġixxu għall-kurċifiss qisu xi kontaminazzjoni tal-ispazju pubbliku.

 

Kif tista’ titlob u tippretendi rispett għas-simboli, l-identitajiet u l-għażliet tiegħek, iżda tirredikola dawk ta’ ħaddieħor. Dik mhix inklużjoni iżda tolleranza selettiva: kollox huwa aċċettabbli sakemm jaqbel miegħi.

 

Nies bla valuri.

 

 

L-iskuża li l-preżenza tal-kleru kienet “provokazzjoni” ma treġix. Salib fil-Belt Valletta jew imkien ieħor mhux att ta’ aggressjoni. Jista’ jkollu tifsira li inti ma taqbilx magħha; jista’ jirrappreżenta duttrina li magħha ma taqbilx.

 

Iżda f’soċjetà pluralista, il-libertà ma titkejjilx minn kemm nifilħu naraw simboli li jogħġbuna, iżda minn kemm kapaċi ngħixu ma’ dawk li ma jogħġbuniex.

 

Bl-ebda mod ma jien ngħid illi l-kleru mhux immuni mill-kritika. It-tagħlim u l-istorja tal-Knisja dwar is-sesswalità jistgħu jiġu diskussi u ikkritikati, imma argument kontra duttrina mhuwiex liċenzja biex tumilja l-Kleru u s-Salib.

 

Tista’ tiċħad it-tagħlim Kattoliku mingħajr ma tattakka personalment lil raġel għax liebes suttana u qed iġorr salib.

 

Id-drittijiet ma jaħdmux f’direzzjoni waħda.

 

Waqt li naħa ingħatat id-dritt li tagħmel mixja, hekk ukoll il-kleru għandu d-dritt li jidher fil-pubbliku u jesprimi l-fidi tiegħu. Dawn iż-żewġ realtajiet jistgħu jsiru fl-istess belt, fl-istess jum u fl-istess ħin.

 

Min ma jaċċettax dan mhuwiex jiddefendi l-pluraliżmu. Qed jitlob privileġġ: is-simbolu tiegħi għandu jidher, tiegħek għandu jinħeba jew jisparixxi; l-espressjoni tiegħi għandha tiġi ċċelebrata, tiegħek titqies bħala provokazzjoni.

 

Dak huwa l-oppost tal-inklużjoni.

 

Il-kleru ma tilef xejn mid-dinjità tiegħu billi deher fit-triq b’salib.

 

Iżda dawk li, f’isem it-tolleranza, għażlu li jumiljawh, għandhom jistaqsu lilhom infushom;

 

 

X’jiswa li ġġorr il-bandiera tal-inklużjoni jekk, malli tara simbolu li ma jogħġbokx, issir int stess intolleranti?

 

Id-diversità li taċċetta biss lil min jaqbel magħha mhix diversità, iżda konformità liebsa l-kuluri tal-qawsalla.

 

Solidarjetà ma dawk il-Membri tal-Kleru li sfaw vittmi ta’ dawk li tant iwerżqu biex ikunu ugwali.

 

ĦADD M’HU INFERJURI AKTAR MINN MIN JINSISTI LI KULĦADD GĦANDU JKUN UGWALI.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *