Aħna tal-Labour nirringrazzjaw minn qalbna lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għall-għażla li għamlu meta f’Settembru li għadda eleġġew lil Alex Borg bħala Kap.
Adrian Delia kien qrib jumiljah. Iżda Robert Abela umiljah.

Alex Borg jgħazaq aktar milli jieħu nifs. Issa qal li sab soluzzjoni ġdida għall-problema tal-PN: ressaq lilu nnifsu eqreb lejn Kastilja.
Mhux bil-voti. Bil-mixi.
Issa qalilna li l-ħidma tal-partit se tibqa’ fid-Dar Ċentrali f’Tal Pietà, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni se jitmexxa mill-bini tal-AŻAD fi Triq ir-Repubblika.

Din qed tinbiegħ bħala separazzjoni bejn iż-żewġ rwoli tiegħu u bħala pass lejn PN li jopera bħala “gvern alternattiv”.
Imma gvern alternattiv ma jinħoloqx billi tbiddel il-post tal-iskrivanija tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-PN ilu tlettax-il sena fl-Oppożizzjoni u tilef erba’ Elezzjonijiet Ġenerali konsekuttivi. F’dak iż-żmien biddel kemm Alla ħalaq mexxejja, strateġiji, slogans u strutturi. Issa qed ibiddel ukoll l-indirizz ta’ parti mill-operat tal-Mexxej.
Li mhux qed jara Alex Borg huwa illi l-problema politika fundamentali tibqa’ wahda: kif ser jikkonvinċi aktar votanti biex jivvutaw PN.
Borg qed jitkellem dwar Kastilja meta l-ewwel sfida sagrosanta tiegħu hija l-konsolidazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Tajjeb niftakru li dan rebaħ it-tellieqa għal Kap b’marġni ta’ 44 vot. Qabel ma jbigħ l-immaġni ta’ Prim Ministru alternattiv, għandu quddiemu l-kompitu li juri tmexxija koerenti u jwessa’ l-appoġġ tal-PN.
Alex Borg għadu ma jafx li hemm differenza bejn li tidher qisek lest biex tiggverna milli tikkonvinċi lill-elettorat li lest biex tiggverna.
Tal-ewwel tista’ tagħmilha b’uffiċċju, konferenza stampa u xi plakka ġdida.
It-tieni trid tirbaħha fil-kaxxa tal-vot.
Araw id-dgħufija ta’ din tan-narrattiva. Il-prossimità lejn Kastilja qed tintuża bħala simbolu ta’ progress politiku meta l-progress elettorali jitkejjel b’ħaġa kompletament differenti;
BIL-VOTI.
Tista’ tmur minn Pietà għall-Belt. Tista’ tpoġġi l-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni ftit minuti ’l bogħod minn Kastilja. Tista’ ssejjaħ lilek innifsek gvern alternattiv kemm trid.
Imma l-elettorat ma jivvutax skont l-indirizz tal-uffiċċju.
Jivvota fuq dak li l-Partit se jkun qed jippreżenta quddiemu.

Alex Borg jista’ jqassar id-distanza ġeografika lejn Kastilja kemm irid, għax id-distanza politika għandha kejl ieħor.
Alex Borg għadu ma ntebaħx ili l-bieb ta’ Kastilja ma jinfetaħx biċ-ċavetta tal-AŻAD.
Iċ-ċavetta tinsab fil-kaxxa tal-vot.
Tista’ tikri kamra ħdejn il-bieb.
Dan ma jfissirx li għandek iċ-ċavetta.

