Dak li Ma Ppruvawx f’55 Jum, Issa Jridu Jsalvawh fl-Appell

Neville Gafa

~ 9 minutes ago

Dak li Ma Ppruvawx f’55 Jum, Issa Jridu Jsalvawh fl-Appell

Il-Prosekuzzjoni ppreżentat formalment l-appell tagħha kontra l-verdett li llibera lil Yorgen Fenech miż-żewġ kapi tal-Att tal-Akkuża marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

 

Il-fatt sagrosant jibqa’ wieħed u ma jistax jinħeba wara għexieren ta’ paġni ta’ argumentazzjoni legali: Yorgen Fenech instab mhux ħati fuq iż-żewġ kapi.

 

Fuq l-akkuża ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju, il-vot kien 8–1 favur il-liberazzjoni. Fuq it-tieni kap, dak ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta, il-vot reġa’ kien 8–1 favur Yorgen Fenech.

 

 

Dan ma kienx verdett fuq xifer ta’ sikkina. Kien verdett ċar wara proċess ta’ 55 jum li fih instemgħu aktar minn mitt xhud.

 

U proprju għalhekk l-appell tal-Prosekuzzjoni jistħoqqlu skrutinju mill-aktar rigoruż.

 

Il-Prosekuzzjoni kellha snin biex tibni l-każ tagħha. Kellha l-investigazzjoni, ix-xhieda, id-dokumenti, il-messaġġi u l-poter kollu tal-Istat warajha. Imbagħad kellha 55 jum quddiem ġurija biex turi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-akkużi tagħha kienu ppruvati.

 

Tmienja minn disa’ ġurati ma kinux konvinti. Fuq iż-żewġ kapi.

 

Dak huwa l-punt li ma jistax jintilef.

 

Fl-opinjoni tiegħi, il-verdett ma kienx biss liberazzjoni tal-akkużat. Kien ukoll ġudizzju devastanti fuq il-kapaċità tal-Prosekuzzjoni li tipprova l-każ li għażlet li tressaq.

 

 

Rajna Prosekuzzjoni li tat piż enormi lil WhatsApp chats u lil komunikazzjonijiet privati, inkluż materjal intimu, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-mistoqsija quddiem il-ġurati ma kinitx kemm kien hemm messaġġi, kemm kienu sensazzjonali jew kemm setgħu joħolqu narrattiva.

 

Il-mistoqsija kienet waħda  sempliċi;

 

Il-Prosekuzzjoni ppruvat l-akkużi kriminali lil hinn minn kull dubju raġonevoli?

 

It-tweġiba tal-ġurija kienet 8–1: LE.  DARBTEJN.

 

Issa l-Avukat Ġenerali mar quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali. Skont ir-rapporti, l-appell huwa ta’ madwar 80 paġna u jattakka punti ta’ liġi u allegati irregolaritajiet fil-proċess. Legalment, dan huwa importanti: l-appell ma jħassarx awtomatikament il-liberazzjoni u lanqas ma jippermetti lill-Qorti tal-Appell sempliċement tissostitwixxi l-fehma tagħha għal dik tal-ġurati. Il-parametri tal-appell tal-Prosekuzzjoni kontra liberazzjoni huma stretti.

 

Uffiċċju Avukat Ġenerali

 

 

Nistaqsi;

 

Dak li ma rnexxilhomx jippruvaw quddiem disa’ ġurati permezz tal-provi, qegħdin jippruvaw jerġgħu jiftħuh permezz ta’ argumenti dwar il-liġi u l-proċess?

 

Il-Qorti tal-Appell trid tiddeċiedi dik il-kwistjoni skont il-liġi, mhux skont il-pressjoni pubblika, l-emozzjoni jew in-narrattivi mibnija barra l-awla.

 

Il-Prosekuzzjoni għandha kull dritt legali teżerċita r-rimedji li tagħtiha l-liġi. Iżda l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ appell ma jneħħix il-ħtieġa li l-ħidma tagħha tkun suġġetta għall-istess skrutinju li hija titlob għall-oħrajn.

 

Għax wara snin ta’ investigazzjoni, 55 jum ta’ ġuri u aktar minn mitt xhud, jibqa’ wieqaf fatt wieħed:

 

8–1. Fuq l-ewwel kap.

8–1. Fuq it-tieni.

 

Tista’ tippreżenta 80 paġna. Tista’ tressaq argument wara argument.

 

Imma qabel kollox trid tispjega għaliex, meta kellha l-opportunità li tipprova l-każ tagħha quddiem il-ġurija, tmienja minn disa’ ma emmnux li kienet ippruvatu sal-grad li titlob il-liġi kriminali.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *