Fis-26 ta’ Settembru, fi Pjazza Kastilja, il-grupp Voice for Choice se jinġabar taħt l-islogan “Hey Sis! Thinking of You” — “Ħej Oħt! Qed naħseb fik.”
L-organizzaturi jippreżentaw il-protesta bħala espressjoni ta’ solidarjetà bejn in-nisa u, fl-istess waqt, bħala sejħa għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort f’Malta.
Qed jgħidu wkoll li l-liġi Maltija hija relikwa tas-seklu dsatax u li Malta baqgħet lura meta mqabbla ma pajjiżi oħra Ewropej.
Tajjeb ukoll. Bqajna lura għax l-abort huwa reat kriminali.
Ikolli nammetti l-islogan li ppreżentaw kien maħsub bil-għaqal.
Jirreferi kwistjoni morali u ġuridika tant kontroversjali u jqiegħedha fil-lingwaġġ tal-affezzjoni, tal-kura u tas-solidarjetà.
Fl-istess ħin, l-Istat u l-liġi qegħdin jiġu ppreżentati bħala antikwati u nieqsa mill-kompassjoni.
Hemm hu l-ingann ta’ dawn in-nies.

Iżda ejja ma qabel naċċettaw it-tweġiba, neżaminaw il-qafas li fih tqiegħdet il-mistoqsija.
Il-kwistjoni mhix jekk in-nisa għandhomx jappoġġjaw lil xulxin. Dażgur li għandhom.
Lanqas hemm dubju li jekk mara li tinsab f’diffikultà, għandhiex tingħata empatija, għajnuna u appoġġ. Għandha.
Il-kwistjoni fundamentali hija din: x’inhu l-istatus morali u ġuridiku tal-ħajja umana QABEL IT-TWELID, u liema interessi għandha d-dmir tipproteġi s-soċjetà tagħna?
Hawn jibda d-dibattitu.
Għax il-kelma “solidarjetà”, waħedha, ma ssolvix il-kunflitt morali. Tiddeskrivi motivazzjoni; iżda ma tiddeċidix jekk l-att li jsir f’isimha huwiex MORALMENT jew LEGALMENT ġustifikat.
Ifhmu sew x’qed ngħid.
Il-kelma “solidarjetà” ma tiddeċidix jekk l-att li jsir f’isimha huwiex moralment jew legalment ġustifikat.
U fuq nota personali, nemmen li wasal iż-żmien li għandna nieqfu nittrattaw kull bidla fil-valuri bħala progress inevitabbli li għandu jiġi aċċettat mingħajr reżistenza.
Fil-fehma tiegħi, ideoloġija li titlob li nwarrbu mill-kalkolu morali l-ħajja fil-ġuf, mhix waħda progressiva; hija perversa fil-konsegwenzi morali tagħha. Hija saħta oħra fuq is-soċjetà. U għandi kull dritt ngħid dan bl-aktar mod ċar.
Fil-qalba tal-valuri ta’ kull soċjetà hemm il-mod kif tittratta lil dawk li huma vulnerabbli: lill-anzjani, lill-persuni b’diżabilità, lill-foqra, u iva, lil dawk li għadhom ma twieldux.
Il-valur tal-vulnerabbli ma jistax jiddependi fuq kemm għandhom vuċi, kemm huma viżibbli jew kemm jistgħu jiddefendu lilhom infushom.
Għall-kuntrarju: aktar ma bniedem ma jistax jiddefendi l-interessi tiegħu, aktar issir serja l-mistoqsija dwar x’obbligu għandha s-soċjetà lejh.
U aktar u aktar x’obbligu għandu l-Istat.
Fl-opinjoni tiegħi il-mistoqsija li għandna nistaqsu mhix “Qed naħseb fik?”
Għal min qed jirreferu fil-kelma “fik”?
Min jistħoqqlu l-protezzjoni tagħna jekk mhux dawk li ma jistgħux jitolbuha għalihom infushom?
Soċjetà li ma tkunx kapaċi tiffaċċja din il-mistoqsija b’onestà tista’ tibqa’ ssejjaħ lilha nnifisha progressiva. Iżda tkun tilfet il-boxxla morali.
Malta diġà bdiet titlef il-boxxla morali. Nammettu jew ma nammettux, dik hi l-verità.
Ejja ma nibqgħux ngħerqu.
Jien se nibqa’ nitkellem bis-saħħa kollha kontra l-abort. Anke jekk nibqa’ waħdi.

