Il-protesta li rajna llum fil-Belt Valletta favur l-abort mhix xi fenomenu li twieled mil-lum għall-għada. Hija, fil-fehma tiegħi, parti minn dak li pajjiżna qed jaħsad wara snin li fihom żrajna liberaliżmu bla rażan u bdejna nittrattaw kull limitu morali bħala ostaklu għall-libertà.
Minn libertà marbuta mar-responsabbiltà, sirna nitkellmu dwar libertà kważi assoluta, fejn ix-xewqa individwali dejjem aktar titqiegħed fuq kull kunsiderazzjoni oħra, anke meta l-konsegwenzi tagħha jolqtu lill-familja, lis-soċjetà u lill-ħajja umana nnifisha.
Dan huwa l-periklu ta’ liberaliżmu sfrenat: mhux nistaqsu jekk kull għażla hix tajba, imma għaliex għandha tkun limitata.

Il-protesta tal-lum għandha sservi ta’ eżami tal-kuxjenza dwar x’tip ta’ soċjetà rridu noffru lil uliedna.
Pajjiżna marad. U l-kanċer, jekk ma twaqqfux qabel jinfirex, ma jeqridx biss parti mill-ġisem. Jispiċċa jeqred il-ġisem kollu.
Jekk nibqgħu nċedu llum, għada jista’ jkun tard wisq biex insalvaw il-valuri, il-familja u s-soċjetà li writna. Dak huwa l-periklu quddiemna, u wasal iż-żmien li nieqfu nittrattawh bħallikieku ma jeżistix.
Viva Malta 🇲🇹

