Qattajt parti kbira minn ħajti bħala kirurgu tat-tfal, naħdem biex insalva l-ħajjiet u nħares il-futur ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.
Din il-ġimgħa kelli l-unur kbir li, fil-Ġnus Magħquda fi New York, immexxi laqgħa dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat — laqgħa li tfakkarna fir-responsabbiltà kollettiva tagħna quddiem traġedja li ma tistax tħallina indifferenti.

Is-sena l-oħra biss, il-Ġnus Magħquda rreġistraw 14,200 tifel u tifla li tilfu ħajjithom minħabba gwerer u kunflitti. Wara kull numru hemm wiċċ, familja, ħolma u futur misruq. Dawn mhumiex sempliċement ċifri; huma ħajjiet innoċenti li nqatgħu qabel iż-żmien.
Malta qed tgħolli leħinha għal dawn it-tfal — għal dawk li m’għandhomx vuċi, għal dawk li qed ibatu fis-skiet, u għal dawk li d-dinja ma tistax tħalli warajha.

Jekk, bħala bnedmin, għadna m’aħniex kapaċi nwaqqfu l-gwerer, allura l-inqas li nistgħu nagħmlu hu li nipproteġu lit-tfal innoċenti.
Għax kull tifel u tifla jistħoqqilhom jgħixu fis-sigurtà, jikbru fil-paċi u jkollhom futur.

