It-tabiba Joanna Delia ħarġet b’ teorija sempliċi iżda fl-istess waqt oxxena.
“Nobody can take your kidney, but the State controls the uterus”
“Ħadd ma jista’ jeħodlok il-kliewi, iżda l-Istat jikkontrolla l-utru”
Issa li ilni jumejn naħseb fuq dak li qalet, m’għadnix inħares lejh bħala slogan iżda bħala teorija.
Il-paragun li qed tagħmel din it-tabiba bejn kilwa u utru irid jibda mill-awtonomija fuq il-ġisem. L-argument tagħha jgħid li jekk l-Istat ma jistax jisforza persuna tagħti kilwa biex issalva ħajja oħra, lanqas għandu jkun jista’ jobbliga mara tkompli tqala.
Nispera li qed nifhem sew it-teorija tagħha. U se nkun qed nispjega x’fhimt u x’naħseb.
Meta persuna tirrifjuta li tagħti kilwa, ma tkunx qed toqtol lil persuna oħra. Qed tirrifjuta intervent mediku fuq ġisimha sabiex issalva lil ħaddieħor.
Il-mewt, jekk isseħħ, tirriżulta mill-kundizzjoni medika eżistenti tal-persuna l-oħra.

Fl-abort, però, skont il-metodu u ċ-ċirkostanzi, l-intervent għandu l-għan li jtemm it-tqala u jwassal għall-mewt tal-embrijun jew tal-fetu.
Irridu nagħmlu distinzjoni bejn li ma ssalvax ħajja u li tieħu azzjoni biex ttemmha. Din id-distinzjoni ma ssolvix waħedha d-dibattitu dwar l-abort.
Mitt darba w elf.
Iżda turi għaliex l-analoġija tal-kilwa mhix biżżejjed biex tiġġustifika abort.
Punt ieħor.
Jekk il-bniedem li mhux imwieled m’għandu ebda status morali rilevanti, l-argument favur l-awtonomija tal-mara jsir ħafna aktar sempliċi. Iżda jekk għandu status morali, u aktar u aktar jekk jitqies bħala persuna bid-dritt għall-ħajja, allura hawn għandna sitwazzjoni kompletament differenti.
Ma jibqax jeżisti dritt wieħed biss imma jibdew jiġu f’kunflitt l-awtonomija tal-mara u l-interess jew id-dritt għall-ħajja tal-bniedem mhux imwieled.
Huwa għalhekk li l-frażi “l-Istat jikkontrolla l-utru” hija mnejjka. Tippreżenta l-kontroversja bħallikieku hemm biss mara, ġisimha u Stat li jrid jikkontrollaha.
Iżda l-argument kontra l-abort jibda proprju mill-premessa li hemm ĦAJJA UMANA OĦRA MORALMENT RILEVANTI involuta.
Nistaqsi;
X’inhu l-istatus morali tal-bniedem mhux imwieled?
Għax jekk m’għandu ebda dritt, il-konklużjoni tkun waħda.
Imma jekk għandu dritt għall-ħajja, il-kwistjoni ma tibqax waħda ta’ “ġismi, l-għażla tiegħi”, iżda ssir kunflitt bejn żewġ pretensjonijiet morali li l-liġi trid tikkunsidra bis-serjetà.
Jien ma nistaqsix;
“Għaliex l-Istat jikkontrolla l-utru?”
Iżda
“Meta tibda ħajja li għandha pretensjoni morali għall-protezzjoni, u x’obbligi għandna lejha?”
Sakemm dik il-mistoqsija ma tiġix indirizzata, il-paragun mal-kilwa ma jsolvix l-argument iżda jistuprah.
Jien kontra l-abort u se nibqa nitkellem anke jekk nurta lil min suppost qed jitkellem imma waqa’ fil-muta.

