Meta l-popli Ewropej jibdew jisfidaw il-kunsens liberali, ċerti vuċijiet fil-mainstream media lokali jippruvaw ibiddlu t-tifsira tagħhom.
James Debono
L-artiklu ta’ James Debono fuq MaltaToday, bit-titlu “Europe’s youth are rebelling. Malta should take note”, huwa eżempju ta’ kif il-mainstream media tipprova tagħti interpretazzjoni progressiva lil bidliet politiċi li qed nesperjenzaw fl-Ewropa.
Hekk kif partiti tal-lemin qed jiksbu appoġġ f’diversi pajjiżi Ewropej, Debono jagħżel li jatribbiwixxi l-protesti taż-żgħażagħ kontra l-għoli tal-ħajja, il-kriżi tal-akkomodazzjoni u l-inugwaljanza ekonomika.
Fl-analiżi tiegħu, Debono jħalli barra kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, it-tkabbir demografiku, il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u l-identità nazzjonali.

Madwar l-Ewropa, miljuni ta’ votanti qed jagħżlu partiti li jwiegħdu kontroll fuq l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tal-interessi nazzjonali.
L-istess midja li qed tiċċelebra l-protesti tax-xellug bħala espressjoni ta’ kuxjenza demokratika, qed tittratta s-suċċess elettorali tal-lemin bħala problema li trid tiġi spjegata jew addirittura imwarrba.
Interpretazzjoni politika li tagħżel liema vuċijiet jistħoqqilhom jinstemgħu.
Malta Għandha Realtà Differenti
It-tentattiv li dawn l-iżviluppi Ewropej jiġu applikati direttament għal Malta jiżvija kompletament mir-realtà f’pajjiżna.
Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela wera li l-istabbiltà ekonomika u l-protezzjoni soċjali jistgħu jimxu id f’id.
Is-sussidji fuq l-enerġija, l-appoġġ lill-familji u l-miżuri biex tittaffa l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja huma eżempji konkreti ta’ interventi mill-Gvern Laburista flok ma ħalla l-piż kollu fuq iċ-ċittadini.
Dan ma jfissirx li Malta m’għandhiex sfidi. L-akkomodazzjoni, it-traffiku u l-pressjoni demografika jeħtieġu soluzzjonijiet fit-tul.
Iżda dawn għandhom jiġu indirizzati b’politika serja u bilanċjata, mhux billi kull diffikultà tinbidel f’argument favur aktar konfrontazzjoni attivista. Dak li qed jissuġġerixxi James Debono u nies oħra fiċ-ċirku tiegħu.
Naqbel li l-ġurnaliżmu għandu jisfida lill-poter, iżda għandu wkoll jisfida l-preġudizzji ideoloġiċi tiegħu stess.
Ma jagħmilx sens li wieħed jitkellem kontinwament dwar sostenibbiltà u pressjoni fuq l-infrastruttura, iżda jonqos milli janalizza b’mod sħiħ l-effetti tat-tkabbir tal-popolazzjoni u l-politika migratorja.
James Debono jista’ jibqa’ jħares lejn l-Ewropa mil-lenti progressiva tiegħu. Iżda r-realtà politika ma tinbidilx skont il-preferenzi tiegħu u ta’ sieħbu Salvu Balzan.
L-Ewropa qed terġa’ tiftaħ dibattiti importanti dwar is-sovranità, l-identità nazzjonali, l-immigrazzjoni u l-kontroll demokratiku.
F’Malta, Gvern Laburista għandu jkompli jwieġeb għall-isfidi b’politika li tipproteġi l-istabbiltà, l-ekonomija u l-interessi tal-familji Maltin u Għawdxin.
Fl-aħħar nett, jekk il-mainstream media trid tiġbor ġieħa, għandha tibda billi tirrikonoxxi li l-popli Ewropej mhumiex obbligati jaħsbu kif iridu l-ġurnali jew kummentaturi progressivi.
PS: Din hija opinjoni personali.

