Matthew Zammit, wieħed mill-akbar short-let operators, b’aktar minn 650 proprjetà elenkata, ikkritika bil-qawwa ż-żieda fl-Eco-Tax mħabbra fil-Baġit 2027.
Skont il-miżura, ir-rata se titla’ minn €1.50 għal €8 kull lejl għall-klijenti tal-lukandi u għal €10 għal dawk li jagħżlu akkomodazzjoni għal żmien qasir.
Ir-reazzjoni tiegħu tista’ tinftiehem minn perspettiva kummerċjali. Iżda l-interess ta’ operatur privat, ikun kemm ikun kbir, ma jistax jitqiegħed qabel l-interess nazzjonali.

It-turiżmu jiġġenera l-ġid, iżda joħloq ukoll spejjeż li ma jistgħux jibqgħu jinġarru biss mill-poplu Malti u Għawdxi.
B’miljuni ta’ turisti jżuru pajjiżna kull sena, il-pressjoni fuq it-toroq, l-immaniġġjar tal-iskart, il-provvista tal-enerġija u l-infrastruttura lokali hija realtà li ħadd ma jista’ jinjoraha.
Fl-istess waqt, il-Gvern qed jonfoq madwar €400 miljun fis-sena f’sussidji fuq l-enerġija, li minnhom jibbenefika indirettament ukoll is-settur turistiku.
Inħares lejn iż-żieda fl-Eco-Tax bħala deċiżjoni ġusta: min jibbenefika ekonomikament mit-turiżmu għandu jikkontribwixxi wkoll biex jinżammu u jitjiebu s-servizzi li fuqhom tiddependi din l-istess industrija.
Skont l-estimi ppreżentati, id-dħul mill-Eco-Tax jista’ jilħaq madwar €182 miljun fis-sena. Dawn huma riżorsi li jistgħu jintużaw biex tissaħħaħ l-infrastruttura turistika u jittejbu s-servizzi fil-lokalitajiet li jġorru l-akbar piż tat-turiżmu.
Lokalitajiet bħal Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar għandhom bżonn investiment kontinwu fit-tindif, il-ġbir tal-iskart, it-toroq u l-ispazji pubbliċi.
Id-differenza bejn ir-rata tal-lukandi u dik tal-akkomodazzjoni għal żmien qasir għandha wkoll tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-impatt differenti tagħhom, partikolarment meta appartamenti residenzjali jinbidlu f’akkomodazzjoni turistika.
Mhux qed nargumenta kontra l-investiment privat, iżda favur mudell turistiku aktar sostenibbli, li fih it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Malta ma tistax tibqa’ tkejjel is-suċċess tat-turiżmu biss bin-numru ta’ viżitaturi. Trid tkejlu wkoll mill-benefiċċji li jħalli fil-komunitajiet tagħna.
Il-Gvern għandu obbligu li jiddefendi l-interess tal-pajjiż.
Il-profitti tal-operaturi privati huma importanti għall-ekonomija. Iżda l-infrastruttura, is-servizzi pubbliċi u l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin huma prijorità nazzjonali.
Sinjuri, is-suċċess tat-turiżmu m’għandux jitkejjel biss minn kemm jaqilgħu l-operaturi, iżda wkoll minn kemm igawdi minnu l-poplu.

