Il-Konsulenzi Ħadhom, Issa Jrid Jipparalizza lil Malta

Neville Gafa

~ 12 hours ago

Il-Konsulenzi Ħadhom, Issa Jrid Jipparalizza lil Malta

Dan huwa l-istess David Spiteri Gingell li, wara l-bidla fil-Gvern fl-2013, kompla jingħata rwoli ta’ konsulenza mill-Amministrazzjoni Laburista.

 

Illum, dan qed iħeġġeġ lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) biex jorganizzaw strajk ġenerali ta’ ġimgħa sħiħa kontra l-miżuri tal-Baġit tal-2027.

 

Ifhmu sew.

 

Għal snin sħaħ kien parti mis-sistema li llum qed jikkritika. Issa jrid strajk ta’ ġimgħa li jista’ jolqot l-isptarijiet, it-trasport u setturi essenzjali tal-ekonomija Maltija.

 

Mhux protesta simbolika ta’ siegħa jew ta’ ġurnata. Ġimgħa sħiħa ta’ waqfien mix-xogħol li, skont l-istess Spiteri Gingell, tista’ tfixkel serjament l-isptarijiet, it-trasport pubbliku, id-djar tal-anzjani, il-lukandi, ir-ristoranti, il-kostruzzjoni u servizzi oħra essenzjali.

 

 

Spiteri Gingell mhux xi osservatur politiku li qatt ma kellu sehem fit-tmexxija tal-pajjiż. Għall-kuntrarju, huwa kellu karriera twila ta’ konsulenzi u rwoli governattivi, kemm taħt Amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kif ukoll taħt Amministrazzjonijiet Laburisti.

 

Ir-rekords pubbliċi juru li:

 

Fl-2013, il-Gvern Laburista żammu bħala konsulent fil-qasam tal-enerġija.

 

Fl-istess sena, ġie mistieden jagħmel parti mill-Grupp tal-Istrateġija dwar il-Pensjonijiet.

 

Serva bħala konsulent dwar riformi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, filwaqt li kellu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-inizjattiva ĠEMMA.

 

Matul is-snin, kellu wkoll kuntratti oħra ta’ konsulenza ma’ entitajiet governattivi.

 

Dawn li nafu bihom.

 

Meta kien hemm il-konsulenzi, il-Gvern Laburista kien tajjeb biżżejjed. Hemm redgħa kemm felaħ.

 

Illum, minflok ma jargumenta favur soluzzjonijiet li jipproteġu lill-ħaddiema u lill-ekonomija, qed jipproponi azzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi serji għall-pajjiż.

 

Naturalment, kull ċittadin għandu d-dritt jikkritika lill-Gvern, anke jekk ikun ħadem miegħu. Iżda d-dritt għall-kritika ma jeżenta lil ħadd mill-obbligu li jwieġeb għall-kontradizzjonijiet tiegħu stess.

 

Spiteri Gingell jaf perfettament huma sensittivi s-servizzi tas-saħħa, il-kura tal-anzjani u t-trasport pubbliku.

 

Minkejja dan, qed iħeġġeġ strajk li jista’ jpoġġi pressjoni proprju fuq dawk is-servizzi li minnhom jiddependu eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

 

X’messaġġ qed jibgħat?

 

Li biex juri d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn il-Gvern, il-poplu għandu jġorr il-konsegwenzi?

 

Il-problemi tal-popolazzjoni, id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin u l-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi ma nħolqux ilbieraħ. Dawn żviluppaw tul is-snin, inkluż fiż-żmien meta huwa stess kellu rwoli ta’ konsulenza.

 

Dan huwa eżempju klassiku ta’ meta ngħidilkom li ġew fl-aħħar u qabżu l-kju.

 

X’ ma jkunx irrabjat il-Laburist.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. reno grech October 30, 2026

    Dawn in nies ma jinbidlu qatt. Il lupu jibdel sufu imma mhux ghemilu . Il gvern jiehu hsieb dawn is sriep u jwarrab lilna. Jekk ikomplu ma jghatux kas l ugiegh taghna jasal il hin li ma nghatux kashom.

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *