MONICA VELLA: KEMM-IL SKANDLU IEĦOR IRID JOĦROĠ QABEL TITTIEĦED AZZJONI DEFINITTIVA?

Neville Gafa

~ 13 hours ago

MONICA VELLA: KEMM-IL SKANDLU IEĦOR IRID JOĦROĠ QABEL TITTIEĦED AZZJONI DEFINITTIVA?

Dewmien fil-ġustizzja, proċeduri dixxiplinarji, każijiet imneħħija minn idejha u kontroversja dwar il-VAT. Kemm se ddum għaddejja din is-sitwazzjoni?

 

 

 

Il-Maġistrat Monica Vella reġgħet sabet ruħha fiċ-ċentru ta’ kontroversja serja li tqajjem mistoqsijiet serji dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja f’pajjiżna.

 

Skont rapport tat-Times of Malta, l-awtoritajiet ġudizzjarji bdew proċeduri dixxiplinarji kontriha wara sensiela ta’ ilmenti dwar dewmien esaġerat, nuqqasijiet amministrattivi u problemi fit-trattament tal-kawżi assenjati lilha.

 

U din mhix l-ewwel darba!

 

Qorti Kostituzzjonali sabet li mara ta’ 81 sena sofriet dewmien mhux ġustifikat fil-proċeduri tas-separazzjoni tagħha. Każ li kellu jwassal għall-ġustizzja spiċċa eżempju ta’ kemm id-dewmien jista’ jċaħħad liċ-ċittadin mid-drittijiet tiegħu.

 

Bħallikieku dan mhux biżżejjed, Vella tneħħiet ukoll minn kawżi oħra minħabba tħassib dwar il-perċezzjoni ta’ parzjalità, wara li inizjalment kienet irrifjutat li tirrikuża ruħha.

 

Fl-2025 kienet diġà ttieħdet deċiżjoni biex tiġi sospiża għal madwar xahar minħabba nuqqasijiet amministrattivi u dewmien fil-ħruġ ta’ sentenzi bil-miktub. Vella appellat dik id-deċiżjoni.

 

Imma l-istorja ma tieqafx hawn.

 

Snin ilu kont ukoll ktibt dwar il-każ tal-VAT li fih kien ħareġ li Monica Vella naqset milli tippreżenta dikjarazzjoni tat-taxxa marbuta ma’ xogħol li kienet wettqet qabel il-ħatra tagħha fil-ġudikatura.

 

Dak il-każ kien wassal għal proċeduri legali, għalkemm sussegwentement ġie rrappurtat li l-pendenzi ġew regolarizzati u l-akkużi kellhom jiġu rtirati.

 

Xorta jibqa’ l-fatt li dik kienet raġuni biżżejjed għal Monica Vella m’għandiex tkun Maġistrat.

 

Illum se nistaqsi;

 

Kemm-il darba għandha tispiċċa maġistrat taħt skrutinju qabel ma l-istituzzjonijiet jindirizzaw darba għal dejjem il-problemi identifikati?

 

Ma nistgħux nippretendu rispett lejn il-ġustizzja jekk ma jkunx hemm kontabbiltà effettiva minn dawk li huma fdati biex jamministrawha.

 

Naturalment, Monica Vella għandha kull dritt tiddefendi ruħha mill-allegazzjonijiet li qed jiġu investigati. Iżda l-pubbliku għandu wkoll kull dritt jitlob spjegazzjonijiet, trasparenza u responsabbiltà.

 

Mhux qed nitkellmu dwar xi uffiċċju ordinarju. Qed nitkellmu dwar il-Qorti, fejn jiġu deċiżi d-drittijiet, il-libertajiet u l-futur tan-nies.

 

Il- Ġustizzja ma tistax titlob kontabbiltà mingħand iċ-ċittadin filwaqt li tonqos milli tesigi l-istess standards minn dawk li jamministrawha.

 

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *