Skont dak li ddikjara l-President tal-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa, Franco Mercieca, bord ta’ inkjesta dwar il-mewt ta’ pazjent f’Awwissu 2024, immexxi mill-Imħallef Joseph David Camilleri, kien irrakkomanda li testijiet bħal dawn għandhom ikunu disponibbli fil-kura primarja.

Din hija ċirkustanza li titlob riflessjoni serja.
Sinjuri tal-MAM, ejja nibdew nitkellmu bil-loġika.
Għaliex jissejħu l-inkjesti wara t-traġedji?
Biex nitgħallmu minnhom.
Biex nidentifikaw in-nuqqasijiet.
Biex inwettqu r-riformi meħtieġa ħalli nnaqqsu r-riskju li jseħħu traġedji oħra.
Imma x’jiswa li nagħmlu inkjesti, nipproduċu rapporti u nfasslu rakkomandazzjonijiet jekk, meta jasal il-mument tal-implimentazzjoni, nibdew noħolqu ostakli?
Qed tifhmu x’ intom tagħmlu? Ostakli għas-skapitu tal-pazjent.
Il-ħajja tal-pazjent ma tistax issir vittma tal-burokrazija, tal-konfront industrijali jew tar-reżistenza għall-bidla.

Il-MAM Trid Tispjega Għaliex Qed Tinsisti fuq Dawn l-Ostakli
Il-MAM għandha kull dritt tiddefendi lill-membri tagħha, tqajjem tħassib kliniku u titlob kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati.
Ħadd m’hu qed jiċħad dan id-dritt.
Iżda dritt industrijali jġib miegħu wkoll responsabbiltà lejn is-soċjetà, partikolarment meta jkun qed jiġi eżerċitat f’settur sensittiv bħal tas-Saħħa.
Il-MAM sostniet li l-introduzzjoni tal-POCT tista’ twassal għal dewmien fit-trasferiment ta’ pazjenti serji lejn l-Emerġenza, kif ukoll għal aktar pressjoni fuq iċ-ċentri tas-saħħa. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għas-Saħħa ċaħad li t-tobba ma ġewx ikkonsultati, u sostna li l-użu tal-apparat se jibqa’ fid-diskrezzjoni klinika tagħhom.
Xi tridu iżjed?
Dawn id-differenzi għandhom jiġu solvuti b’evidenza xjentifika, linji gwida ċari, taħriġ u proċeduri ta’ trasferiment sigur.
Mhux billi t-teknoloġija tinżamm wieqfa indefinittivament.
Ma nistgħux inħallu diffikultajiet loġistiċi, li jistgħu jiġu solvuti, isiru skuża biex il-pazjenti jiġu mċaħħda mill-benefiċċji potenzjali tal-mediċina moderna.

U jekk il-MAM għandha evidenza klinika konkreta li turi li dan il-proġett, anki bis-salvagwardji xierqa, mhuwiex sigur, għandha tippreżentaha b’mod trasparenti.
Il-pazjent mhuwiex ostaġġ ta’ ħadd, inkluż tal-MAM.
Il-ħajja u s-saħħa tal-pazjent għandhom jiġu qabel kollox.

