Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qed tmexxi delegazzjoni Maltija f’Dublin, l-Irlanda, għal żjara ta’ studju bil-għan li tkompli ssaħħaħ u tiżviluppa s-settur tal-gvern lokali f’Malta.
Matul l-ewwel jumejn ta’ din iż-żjara, id-delegazzjoni Maltija kellha sensiela ta’ laqgħat importanti mal-Ministru tal-Istat Irlandiż John Cummins, kif ukoll ma’ diversi istituzzjonijiet u għaqdiet li joperaw fis-settur tal-gvern lokali fl-Irlanda.
Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin bejn il-pajjiżi, sabiex il-kunsilli lokali Maltin ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu l-ħidma tagħhom.

Din iż-żjara tirrifletti l-impenn tal-Ministru li tkompli tinvesti fit-tisħiħ tal-gvern lokali, bil-għan li l-kunsilli lokali jkunu aktar effettivi u jilħqu aħjar l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tar-residenti.
Gvern lokali b’saħħtu, modern u effiċjenti huwa pilastru fundamentali għall-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna u għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

