L-Anatomija ta’ Telfa – X’Wassal għall-Kollass Elettorali ta’ Pulse?

Neville Gafa

~ 5 hours ago

L-Anatomija ta’ Telfa – X’Wassal għall-Kollass Elettorali ta’ Pulse?

Parti 1: Pulse tilfu l-elezzjoni ħafna qabel il-ġurnata tal-votazzjoni

 

 

 

 

It-telfa massiva ta’ Pulse fl-elezzjoni tal-Junior College, wara għaxar snin ta’ rebħiet konsekuttivi, ma kinitx riżultat ta’ dak li seħħ fil-ġurnata tal-votazzjoni. L-għeruq ta’ din it-telfa jmorru lura għax-xhur tas-sajf.

 

Sabiex nifhmu x’wassal għal dan ir-riżultat, irridu mmorru lura għall-perjodu immedjatament wara l- Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju li għadda.

 

Matul ix-xhur tas-sajf, l-SDM organizzaw sensiela ta’ attivitajiet, fosthom pool parties, beach gatherings u boat party. Dawn l-attivitajiet kienu akkumpanjati minn kampanja intensiva ta’ marketing fuq il-media soċjali.

 

Pulse, min-naħa l-oħra, minkejja l-momentum li kien hemm fost iż-żgħażagħ b’valuri soċjalisti wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista, għażlu li jkunu prattikament assenti.

 

Pulse organizzaw attività waħda matul is-sajf, li għaliha ppubblikaw post promozzjonali wieħed biss u li ma kisbitx is-suċċess mixtieq.

 

Filwaqt li l-SDM kienu qed jibnu relazzjonijiet, jattiraw membri ġodda u jsaħħu l-preżenza tagħhom fost iż-żgħażagħ, Pulse kienu qed jitilfu opportunità wara l-oħra.

 

Meta bdiet is-sena skolastika, l-SDM kienu diġà bnew vantaġġ organizzattiv sod. Pulse kienu għadhom iridu jibdew.

 

Mal-ftuħ tas-sena skolastika, l-SDM komplew bl-istess ritmu, organizzaw attività wara l-oħra u saħansitra ġabu artist barrani rinomat għal waħda mill-attivitajiet tagħhom.

 

Il-kuntrast bejn iż-żewġ għaqdiet kien evidenti.

 

Il-periklu ta’ għaxar snin ta’ rebħiet konsekuttivi huwa li s-suċċess jibda jitqies bħala xi ħaġa garantita. Il-kompjaċenza tieħu post l-ambizzjoni, ir-rutina tieħu post l-innovazzjoni u l-passat isir sostitut għall-ħidma fil-preżent.

 

Iżda kull sena jidħlu studenti ġodda fil-Junior College. Dawn ma jivvutawx fuq il-kisbiet tal-passat, iżda fuq dak li l-għaqdiet studenteski joffrulhom fil-preżent.

 

Il-fiduċja ma tintiritx. Il-fiduċja trid tintrebaħ kontinwament.

 

L-ewwel konklużjoni ta’ din l-analiżi hija għalhekk waħda ċara: filwaqt li l-SDM użaw ix-xhur tas-sajf bħala investiment elettorali, Pulse ħallew dawk l-istess xhur jinbidlu f’opportunità mitlufa.

 

L-SDM ħadmu għar-rebħa. Pulse dehru li ħadu r-rebħa bħala fatt garantit.

 

Fit-tieni parti ta’ din is-serje se nanalizza d-diskrepanza enormi bejn iż-żewġ għaqdiet fil-qasam tal-marketing u tal-komunikazzjoni diġitali.

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *