Jekk il-Partit Laburista irid jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss, allura kull ma għandu jagħmel hu li jaqa’ fin-nassa tal-Moviment Graffiti.
Fi stqarrija maħruġa minn Graffiti, dawn saħqu li “Dawk li jkollhom bżonn jagħmlu abort f’Malta ma jixirqilhomx ħlief id-dekriminalizzazzjoni totali tal-abort”.

Sostnew ukoll li “il-kura tal-abort hija parti integrali mis-saħħa u l-benesseri tan-nisa.”
Dawn huma dikjarazzjonijiet perikolużi u bla skruplu. Din hija l-mentalita’ ta’ xejn m’hu xejn li daħħlet f’pajjiżna.
Matul l-aħħar snin, il-poplu Malti aċċetta bosta tibdil, speċjalment fejn jidħlu drittijiet ċivili. Però issa tiġux tippruvaw iddaħħlu l-abort inkiss inkiss. U meta ngħid inkiss inkiss mhux qed ngħid li ser jiddaħħal bil-moħbi, għax impossibbli. Iżda jidher ċar li l-pjan hu li wieħed jibda jitkellem dwar id-dħul tal-abort b’pass kawtel sabiex ma jaħsadx lill-poplu.

Se nerġa nirrepeti; Jekk il-Partit Laburista irid jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss, tiġi meta tiġi, allura kull ma għandu jagħmel hu li jaqa’ fin-nassa tal-Moviment Graffiti u għaqdiet estremi oħra li l-aġenda tagħhom tmur kontra t-tagħlim Nisrani. Tmur kontra kull etika.

Tistgħu ddumu tgħidu. L-abort huwa delitt kriminali. L-abort huwa QTIL.
Malta magħquda kontra l-Abort.

