Il-WBRU twaqqfet biex tkun “one-stop shop” għall-amministrazzjoni tal-kaċċa u l-insib f’Malta. Din kienet il-wegħda. Iżda r-realtà turi mod ieħor. Realtà differenti li qed twassal għal frustrazzjoni ta’ kull min ikollu x jaqsam ma’ din l-entità.
Illum il-WBRU m’għadhiex sinonima mal-effiċjenza. Saret sinonima mal-burokrazija, dewmien, nuqqas ta’ koordinazzjoni u falliment amministrattiv.
Dak li suppost kellu jkun proċess ċentralizzat spiċċa mibdul f’ping-pong burokratiku bla tmiem mal-ERA, fejn il-fajls iduru minn dipartiment għall-ieħor filwaqt li ċ-ċittadin jibqa’ jistenna.

Il-Mandat Ġie Abbandunat
Il-WBRU ngħatat mandat ċar: tirregola, tikkoordina u tissimplifika.
Illum tagħmel l-oppost.
Minflok issolvi l-problemi, toħloq oħrajn. Minflok tnaqqas il-burokrazija, iżżidha. Minflok tieħu deċiżjonijiet, tibgħat il-fajls għand ħaddieħor.
Dan mhux falliment żgħir.
Dan huwa falliment istituzzjonali.
Kif Inqerdet il-Kompetenza
Wieħed mill-aktar eżempji allarmanti huwa l-identifikazzjoni tal-għasafar.
Fil-passat kien hemm ornitologu professjonali li kien kapaċi jidentifika l-ispeċi immedjatament iżda b’kompetenza.
Illum dik il-kompetenza prattikament sparixxiet. Konsegwentement, jekk ikun hemm dubju dwar l-identifikazzjoni ta’ għasfur, il-proċess jieqaf. Il-kampjun ma jiġix ittaggjat jew jintbagħat il-mużew, b’dewmien li jista’ faċilment jiġi evitat.
Kif jista’ regolatur nazzjonali jitlef il-kompetenza teknika ewlenija tiegħu u jistenna li jibqa’ kredibbli?

Tlieta u Għoxrin Sena ta’ Falliment
Dan il-proċess ilu jeżisti għal 23 sena.
Tlieta u għoxrin sena mingħajr riforma.
Tlieta u għoxrin sena mingħajr modernizzazzjoni.
Tlieta u għoxrin sena ta’ amministrazzjoni mwaħħla fl-istess post.
Jekk wara aktar minn żewġ deċennji l-istess problemi għadhom jeżistu, allura m’għadux każ ta’ dewmien, iżda falliment kroniku fit-tmexxija.
Il-Gidba tal-“One-Stop Shop”
L-akbar ironija hija li llum il-proċess tal- ittaggjar lanqas biss jinsab kollu għand il-WBRU. Partijiet sostanzjali tiegħu spiċċaw għand l-ERA.
Għaldaqstant wieħed jistaqsi;
Kif tista’ ssejjaħ lilek innifsek “one-stop shop” meta ċ-ċittadin irid jgħaddi minn żewġ awtoritajiet differenti biex itemm l-istess proċess?
Dan mhux “one-stop shop”.
Dan huwa two-stop bureaucracy.
Din hija struttura amministrattiva li tilfet kull sens ta’ direzzjoni.
Il-Ping-Pong tal-Fajls
Il-fajls jimxu.
L-applikazzjonijiet jimxu.
Id-dokumenti jimxu.
Kollox jimxi, għajr il-proċess.
Il-WBRU tibgħat lill-ERA.
L-ERA terġa’ tirreferi lura lill-WBRU.
Sadanittant jgħaddu ġimgħat jekk mhux xhur, filwaqt li dawk milquta jibqgħu bla risposta.
Din mhix koordinazzjoni, iżda amministrazzjoni falluta li qed tipprova taħbi l-ineffiċjenza tagħha wara l-kelma “koordinazzjoni”.
Min Qed Iħallas il-Prezz?
Il-prezz mhux qed iħallsuh l-uffiċjali.
Qed iħallsuh il-kaċċaturi.
Qed iħallsuh in-nassaba.
Qed iħallsuh dawk kollha li jimxu mal-liġi.
Qed tħallsu wkoll il-konservazzjoni u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi.
Meta regolatur ma jkunx kapaċi jirregola b’effiċjenza, il-problema ma tibqax amministrattiva.
Issir problema ta’ governanza.
Il-WBRU trid tieqaf tinħeba wara skużi amministrattivi. Jew tkun one-stop shop kif kien imwiegħed , jew tammetti pubblikament li falliet.
Irid jerġa’ jinbena tim b’kompetenza ornitoloġika.
Iridu jispiċċaw it-trasferimenti bla sens bejn il-WBRU u l-ERA.
Iridu jiġu introdotti skadenzi obbligatorji għall-ipproċessar tal-każijiet.
U fuq kollox, irid ikun hemm responsabbiltà amministrattiva għal sistema li ilha tfalli għal aktar minn żewġ deċennji.
Il-problema m’għadhiex in-nuqqas ta’ riżorsi, iżda nuqqas ta’ tmexxija, nuqqas ta’ viżjoni u nuqqas ta’ rieda li tinbidel sistema li ilha snin tfalli.
Żmien il-wegħdi skada.Issa wasal iż-żmien tar-riżultati.

Kevin Francica
Sadanittant, dan is-sit jawgura lil Kevin Francica kull suċċess fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala l-Kap il-ġdid tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU).

