Is-Sibt filgħodu Ittella’ forum għall-attivisti tal-Partit Laburista. Waqt l-istess forum kien hemm tliet workshops, u kif ġie irrappurtat fuq il-midja tal-Partit, dawn kienu eżerċizzju sabiex jingħata iżjed għarfien dwar kif taħdem il-politika lokali.
Meta naqra kummenti bħal dan ninfaqa’ nidħak. Nidħak b’mod sarkastiku.
Għaliex?
Għax meta rajt filmati relatati ma din l-attività, bħala wieħed li fil-passat ħdimt internament f’diversi sezzjonijiet tal-Partit Laburista stajt ninnota li l-maġġoranza preżenti, li nafhom anke fuq livell personali jafu jaqraw il-politika lokali aktar milli jafuha saħansitra ċertu Membri fl-Ammistrazzjoni tal-Partit.

Iżda l-aktar fatt li jinkwetani meta rajt il-filmat ta’ din l-attività, kien li ma rajtx attendenza ta’ żgħażagħ. Dan jista’ jfisser li jew
- fil-Kumitati Lokali m’għandniex żgħażagħ,
- Iż-żgħażagħ m’għandhomx interessati jattendu għal dawn l-attivitajiet għax ma joffru xejn li jħajjar liż-żgħażagħ tagħna
- il- Partit Laburista m’ għadux jattira ż- żgħażagħ bħal ma kien
Nixtieq nagħmel xi mistoqsijiet;
Kemm kienet l-attendenza għal dan il- Forum?
X’persentaġġ tirrifletti l-attendenza meta mqabbla man-numru ta’ membri tal- Kumitati tal-Partit?
X’ kien in-numru ta’ żgħażagħ li huma Membri fil-Kumitati Lokali li attendew?
X’ kienet l-età medja ta’ dawk li attendew?

Li torganizza team building u ma jkollokx parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huwa fattur inkwetanti ħafna. Għax Iż-żgħażagħ huma il-preżent u l-futur ta’ dan il-Partit. Li nkunu lejlet Elezzjoni Ġenerali u jkollok team building mingħajr żgħażagħ huwa sinjal li l-Partit Laburista m’għadux ‘sexy’. M’għadux attraenti.
Il-Partit Laburista jeħtieġ ‘New Thinking’. Ilni xhur ngħidha internament iżda ħadd ma jagħti każ. Il-Partit għadu juża sistemi ta’ komunikazzjoni li konna niedejna fir-rivoluzzjoni interna li bdiet fl-2008. Illum, fl- 2026, il-Partit Laburista għadu juża l-istess manual.
Il-Partit Laburista jeħtieġ ‘New Thinking’.


4 Comments
”Il-partit laburista jehtieg ‘new thinking’ ”. Mella ghalek nies bhalek twarbu.
Hekk taħseb li twarrabt? Kemm ma taf xejn jaħasra.
Iva, Hdejk jien ftit hafna naf.
Naqbel miegħek, li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagh hija kruċjali għal kull partit politika, aktar u aktar, għal partit li qed jaspira li jerġa jirbaħ legislatura oħra. Jidher ċar li żgħażagħ għal xi raġuni ma ressqux ‘l quddiem u tajjeb li wieħed jistaqsi, għala? Żgur li għandna żgħażagħ bravissimi li l-politika tinteressahom. X’inhuma r-raġunijiet? Iż-żgħażagħ mhux jingħataw spażju biżżejjed jew huma wkoll imdejqa u dizappuntati bil-klassi politika? Klassi politika li donnha tilfet il-fiduċja ta’ bosta votanti, tant li n-numru ta’ dawk li mhux ser jivvutaw dejjem tiela’ bil-ġurnata. Klassi politika li bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkumbatti! It-trasparenza, kontabbilita, meritokrazija u governanza tajba huma s-sies ta’ politika b’saħħitha li tagħti riżultati u tattira aktar nies u tkabbar il-fiduċja ta’ votanti li jridu jaraw pajjiż li jitmexxa fuq linji serji. Il-neputiżmu, favoritiżmu u klijentaliżmu huma l-anti-teżi li jbegħdu ħafna nies milli jivvutaw u jitilfu l-fiduċja. Huwa verament il-minoranza li toqgħod tmur tiġri għand il-Ministri u irkejjen oħra biex jieħdu pjaċir. Il-pjaċiri jiffavorixxu persuna u jagħmlu nġustizzja ma oħrajn!!! Dawn huma n-nies li ma jiddeċiedux elezzjoni!! Mill-banda l-oħra lanqas huwa sewwa li biex tieħu dak li huwa bi dritt tiegħek trid tmur tokrob għand xi ħadd!! Huma propju dawk li jixtieq jaraw pajjiż li jitmexxa bil-prinċipji sodi u anqas indħil mill-politiku fuq livell operazzjonali li jiddeċiedu l-pendlu tal-elezzjoni. Nispera li min għandu jifhem, jifhem, għaliex wara jkun tard wisq.